
Il-ġlied fl-iskejjel huwa okkorrenza ta’ kuljum, skont 36 fil-mija ta’ tfal u żgħażagħ ta’ bejn il-11 u l-15-il sena intervistati bħala parti mill-aħħar rapport li jesplora l-benesseri tat-tfal u żgħażagħ li jgħixu f’Malta.
Filwaqt li r-rapport ‘Wellbeing of Children and Young People in Malta’ juri li t-tfal u ż-żgħażagħ b’mod ġenerali jgawdu minn livell għoli ta’ benesseri u huma kuntenti b’aspetti ta’ ħajjithom, meta titbiegħed mid-data medja, is-sitwazzjoni mhijiex daqshekk ward u żahar.
Ħarsa eqreb lejn is-sejbiet turi li mhux it-tfal kollha jinsabu tajbin – disgħa fil-mija tal-adoloxxenti jsibu serħan f’li jweġġgħu lilhom infushom; filwaqt li 17.3 fil-mija tat-tfal ta’ bejn sebgħa u tmien snin esperjenzaw bullying u rrappurtaw li ġew imsawtin darbtejn jew aktar matul ix-xahar li għadda, 21.7 fil-mija ġew mgħajra, u 23.1 fil-mija ġew esklużi minn sħabhom.
Pressjoni akkademika, bullying minn sħabhom, spazji għal-logħob meħuda għall-iżvilupp, tniġġis fil-lokalitajiet, stress, dwejjaq, solitudni u anzjetà, kollha moħbija wara l-faċċata falza ta’ benesseri u sodisfazzjon tal-ħajja.
Ir-rapport – ippreżentat lill-Parlament illum fil-Jum Dinji tal-Kuntentizza – jifforma parti mill-proġett ‘Malta Wellbeing INDEX’ (Indicators, Networking, Data, Exploration, eXchange). Dan huwa sforz kollaborattiv bejn il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society u l-Università ta’ Malta, u jservi bħala repożitorju ta’ informazzjoni biex jiggwida lil dawk li jfasslu l-politika u stakeholders fil-kejl tal-benesseri ta’ gżiritna, lil hinn mill-metriċi tal-GDP.
Marie-Louise Coleiro Preca, chairperson tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society u champion tad-drittijiet tat-tfal, qalet li mit-twaqqif tagħha, il-Fondazzjoni kienet iffukata fuq li tippromwovi l-benesseri, fejn jidħol l-iżvilupp tal-politika.
“Id-deċiżjoni li jiġi żviluppat indiċi tal-benesseri, ittieħdet mill-Bord tal-Amministraturi tal-Fondazzjoni u hija riżultat ta’ erba’ snin ta’ proġetti ta’ riċerka, li jkomplu jenfasizzaw kif il-benesseri fl-aspett multi-dimensjonali tiegħu huwa essenzjali u fundamentali għall- progress sostenibbli,” qalet is-Sinjura Coleiro Preca.
Miġbur mill-akkademiċi universitarji Carmel Cefai, Rachel Spiteri, Natalie Galea u Marie Briguglio, l-istudju sar fost 364 tfal u żagħżugħ permezz ta’ tliet kwestjonarji separati għal tfal ta’ bejn seba’ sa tmien snin, ta’ tmien sa 11-il sena, u ta’ ħdax sa 15-il sena.
Il-Prof. Cefai qal li dan l-istudju wera l-importanza li nisimgħu l-vuċijiet tat-tfal stess biex nifhmu liema aspetti f’ħajjithom sejrin tajjeb u dawk li mhumiex kuntenti bihom.
“Filwaqt li bħala medja l-maġġoranza ta’ dawk intervistati f’etajiet differenti, igawdu livell għoli ta’ benesseri suġġettiv u jirrappurtaw sistemi sikuri u b’saħħithom bħad-dar, l-iskola, il-ħbieb, u l-komunità lokali, ħarsa eqreb lejn id-data turi li aspetti partikolari tal-benesseri jibqgħu problematiċi.
“Dawn jinkludu l-bullying minn sħabhom fl-iskola, nuqqas ta’ ġibda lejn l-iskola iktar ma huma jikbru fl-età, nuqqas relattiv ta’ awtonomija u parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-familja, żoni limitati ta’ logħob, nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku u ħin eċċessiv fuq l-iskrin, u burdata negattiva fost bniet adoloxxenti, ” qal il-Prof Cefai.
Il-Prof. Briguglio, l-investigatur prinċipali tal-proġett ‘Wellbeing INDEX’, qalet: “B’mod ġenerali, bħal fl-adulti, insibu livelli għoljin ta’ benesseri bħala medja iżda huwa fid-distribuzzjoni madwar il-medja li rridu nagħtu kas; u rridu nagħtu attenzjoni lil dawk li jesperjenzaw benesseri baxx…
“Dan jirrepeti s-sejbiet fi stħarriġ għall-adulti fejn immorru relattivament tajjeb b’mod ġenerali fis-sodisfazzjon tal-ħajja, iżda s-sodisfazzjoni fl-użu tal-ħin huwa relattivament baxx (meta mqabbel mal-kontropartijiet tal-UE u oqsma oħra tal-ħajja), fejn l-effett negattiv huwa relattivament għoli (meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra fid-dinja), u fejn il-livelli ta’ tgawdija huma relattivament baxxi.
“It-tfal ġeneralment iħossuhom tajbin, iżda jekk inħarsu mill-qrib lejn xi aspetti ta’ ħajjithom, insibu li mhumiex. Il-politiki kollha — mhux biss l-edukazzjoni, iżda wkoll l-ippjanar, l-ambjent, l-immigrazzjoni u l-kwistjonijiet ta’ saħħa — jagħmlu mpatt fuq il-benesseri tat-tfal,” żiedet tgħid.
Ir-rapport, ir-raba’ studju minn meta ġie mniedi l-proġett ‘Malta Wellbeing INDEX’ fl-2020, jidħol fil-fond biex jistaqsi lit-tfal u ż-żgħażagħ infushom kif iħossuhom, minflok ma joqgħod fuq indikaturi oħra.
Jirrevela differenzi interessanti fl-età u l-ġeneru, bil-parteċipanti iħossuhom inqas sodisfatti b’diversi aspetti ta’ ħajjithom hekk kif jikbru, is-subien jesperjenzaw aktar bullying, u l-bniet adolexxenti jesperjenzaw aktar sentimenti u burdati negattivi.
Hekk kif it-tfal jidħlu fl-adolexxenza, jidhru wkoll li jqattgħu inqas ħin involuti fl-eżerċizzju fiżiku u fl-isports, u aktar ħin fuq it-televiżjoni u l-midja soċjali.
Gruppi partikolari ta’ tfal u żgħażagħ — l-aktar dawk minn status soċjoekonomiku aktar baxx, sfond ta’ migrazzjoni, jew dawk b’diżabilità — irrappurtaw livell aktar baxx ta’ benesseri u inqas sodisfazzjon b’aspetti varji ta’ ħajjithom meta mqabbla ma’ sħabhom.
L-istudju, li għandu jkun id-dokument ewlieni għal dawk li jfasslu l-politika, jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ politika nazzjonali għall-promozzjoni tas-saħħa mentali tat-tfal u ż-żgħażagħ, kif ukoll strateġija nazzjonali għall-promozzjoni ta’ eżerċizzju fiżiku, sports u attivitajiet imsejsin fuq in-natura.
Jappella wkoll għal ambjent aktar inklussiv għat-tfal bi bżonnijiet diversi, fokus strateġiku fuq il-benesseri ta’ dawk f’riskju, inizjattivi biex jitrażżan il-bullying, l-inklużjoni tal-benesseri u l-aktar importanti, il-ħtieġa li l-vuċijiet tat-tfal jinstemgħu.
Is-Sinjura Coleiro Preca qalet li dan l-aħħar indiċi tal-benesseri ma kienx se jkun l-aħħar kontribut lil Malta u li fix-xhur li ġejjin se jittieħdu inizjattivi oħra.
“Statistiċi u riċerki nazzjonali regolari u robusti huma meħtieġa biex inkunu nistgħu inqabblu l-benesseri ta’ oqsma differenti tas-soċjetà Maltija matul iż-żmien u biex nevalwaw il-prestazzjoni tal-politika f’termini ta’ benesseri… dan jgħin biex jiġu identifikati l-prijoritajiet biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja li n-nies u t-tfal ta’ dawn il-gżejjer jixirqilhom igawdu.”

