Skip to main content

ILYAS – Viżjoni Għawdex 2050

By September 23, 2025Blog, Media

Eċċellenza, Onorevoli Ministri u għeżież tfal u ġenituri, jiena Ilyas Ige Sultana, membru ta’ ħdax-il sena fil-Kunsill Lokali tat-Tfal tax-Xagħra. Wara workshop li sar ftit tal-ġimgħat ilu fejn jiena u xi tfal oħra iddiskutejna fuq il-Gozo Vision 2050, aħna ġejna mistiedna biex f’dan l-avveniment finali nitkellmu f’isem it-tfal li kienu parti mid-diversi workshops li kellna u naqsmu l-ideat tagħna għallGħawdex għas-sena 2050. Jiena ser inkun naqsam magħkhom ftit, mill-ħafna li ddiskutejna dwar il-pilastru: Inħejju lil Għawdex għaż-żmien li ġej.

Uħud mit-temi li ddiskutejna kienet l-ambjent u d-dehra ta’ l-irħula ta’ Għawdex fl-2050. Fost affarijiet oħrajn, l-aktar affarijiet li ssemmew kienu: iktar siġar, aktar spazji miftuħa għall-pubbliku, baħar aktar nadif, inqas bini u iktar vetturi elettriċi. Qgħedna wkoll li biex kollox jibqa’ sewwa irridu nibdew nippreparaw minn issa għall-problemi intensivi li jista’ jkollna u li diġa’ qed ikollna bħattibdil fil-klima u xogħlijiet ġodda minħabba l-imbierek AI. Tkellemna wkoll fuq it-tradizzjonijiet Għawdxin u lkoll kemm aħna qbilna li għandna nibqgħu ngħożżuhom u nagħmluhom fil-futur.

Tkellemna wkoll fuq l-iskejjel Għawdxin fl-2050. Qgħedna li nistgħu nużaw it-teknologija bhal VR biex nitgħallmu u nħossuna li qed nisperjenzaw il-ħaga li qed nitgħallmu fuqha li tagħmel illezzjonijiet aktar interessanti għat-tfal tal-futur. Fost affarijiet oħra sbieħ dwar l-iskejjel iddiskutejna l-inklużjoni, fejn tfal ta’ kull razza u kulur tal-ġilda jkunu flimkien fi skola waħda. Din hija xi ħaga li rridu nibdew nidraw mill-lum biex kulħadd iħossu milqugħ.

Tkellimna wkoll fuq l-ibbuljar li sfortunatament hi esperjenza li nistgħu ngħaddu minnha aħna t-tfal. Din hi problema kbira fliskejjel u wkoll f’postijiet ohra li jiffrekwentaw it-tfal. Qbilna li libbuljar irid jinqata’ biex ma jkomplix jikkawża ħsara kbira mentali, emozzjonali u soċjali fit-tfal tagħna. Punt iehor li semmejna kien dwar il-lingwa maltija. Sħaqna li hu importanti ħafna li t-tfal tagħna jigu mħegga jitkellmu b’din il-lingwa minn eta’ zgħira għax hu importanti li nzommu din il-lingwa unika ħajja fl-edukazzjoni tagħna u fil-ħajja ta’ kuljum tagħna.

Jien ħadt ħafna gost waqt dan il-workshop u anke waqt il-laqgħat tal-Kunsill li jkollna kull xahar. Inħossni ferħan li l-vuċijiet, l-ideat u l-emozzjonijiet tiegħi u ta’ sħabi membri tal-kunsilli tat-tfal qed jinstemgħu u jingħataw importanza. Kemm għalija u anke għal sħabi l-oħra, dawn huma l-aktar affarijiet sbieħ u importanti dwar dawn il-laqgħat.

Fl-aħħar, nixtieq nirringrazzja lilek Onorevoli Clint Camilleri, lilek Ovorevoli Alison Zerafa Civelli, lilek Eccelenza Marie-Louise Coleiro Preca u lilkhom il-ħaddiema kollha ta’ The Malta Foundation for the Wellbeing of Society talli ħloqtu din linizzjattiva, ta’ kemm tieħdu ħsieb lili u lil sħabi, talli għażiltuni biex nagħmel dan id-diskors illejla, u talli tajtu kas tal-vuċijiet ħerqana tagħna t-tfal.

Grazzi mill-qalb!

 

– Ilyas, 11, waqt Viżjoni Għawdex 2050 fid-9 ta’ Settembru 2025

Leave a Reply