Introduzzjoni
Għawdex għalija mhuwiex biss gżira ċkejkna fil-Mediterran – huwa d-dar, il-post li jġorr miegħu s-sbuħija tan-natura, il-ġmiel talkultura tagħna u l-valuri li writna. Imma dak li jagħti ħajja lil Għawdex tassew huma n-nies tiegħu.
Aħna, bħala ġenerazzjoni żagħżugħa, għandna f’idejna l-enerġija, l-ideat u l-kreattività biex nagħtu futur aħjar lill-gżira tagħna. Limħabba tiegħi lejn Għawdex tmur id f’id mal-fiduċja tiegħi li żżgħażagħ jistgħu jkunu l-mutur ta’ bidla pożittiva – fil-kultura, flambjent, fl-ekonomija u fis-soċjetà tagħna.
Eċċellenza, Onorevoli Ministri u għeżież tfal u ġenituri, jiena Giosiana Cardona, membru ta’ tlettax-il sena fil-Kunsill Lokali tatTfal tal-Munxar u xtaqt naqsam magħkhom il-ħsibijiet tiegħu u ta’ sħabi dwar il-pilastru: Għawdex – Post għal Kulħadd.
Workshop
Matul il-laqgħa tkellimna dwar is-saħħa mentali, l-infrastruttura, laċċessibbiltà, l-inklużjoni u t-turiżmu, u kif dawn kollha jaffettwaw il-ħajja tagħna u l-futur ta’ Għawdex. Konna tfal u żgħażagħ ta’ etajiet differenti, u għalhekk ġejna b’perspettivi differenti u ideat varjati.
Hdimna flimkien fi gruppi, fejn qsamna l-fehmiet tagħna u ddiskutejna x’jista’ jsir fis-setturi li semmejt l-ewwel. Fl-aħħar, ktibna l-proposti finali tagħna fuq il-canvas li issa tistgħu taqraw fir-rapport – opportunità kbira biex naqsmu ma’ kulħadd dak li ħassejna u l-proposti tagħna għal Għawdex.
Kien workshop interattiv ħafna li wera kemm nistgħu nkunu responsabbli u kreattivi fl-istess ħin.
Aċċessibilita’
Meta nitkellmu fuq l-iżvilupp ta’ Għawdex, irridu niftakru li laċċessibbiltà hija kruċjali. Għawdex għandu jkun gżira inklussiva – kemm għar-residenti kif ukoll għal min iżurna.
Pass li ddiskutejna rigward dan il-qasam hu l-bżonn ta’ taħriġ għall-persuni li jaħdmu fil-qasam tal-ospitalita’ . Huwa essenzjali li dawk li jaħdmu fis-settur turistiku jiġu mħarrġa biex jilqgħu kull tip ta’ viżitatur, għaliex l-ospitalità vera tfisser li ħadd ma jħossu eskluż.
Innutajna wkoll bi pjaċir li l-maġġoranza assoluta tal-binjiet turistiċi huma mgħammra b’faċilitajiet li jassiguraw li kulħadd jista’ jidħol, jiekol u jqatta’ ħin tajjeb mingħajr ostakli. Nixtiequ nipproponu li tingħata għajnuna finanzjarja lill-irħula biex jaraw x’jista’ jagħmel ir-raħal tagħhom aktar aċċessibbli.
Dan mhux biss jgħin liċ-ċittadini tagħna, iżda jagħti wkoll aktar opportunitajiet biex nilqgħu turisti b’kundizzjonijiet differenti. L-aċċessibbiltà mhijiex biss xi ħaġa teknika, imma hija messaġġ ta’ rispett u inklużjoni.

Is-saħħa mentali
Is-saħħa mentali hija parti essenzjali għall-ħarsien tagħna bħala individwi u bħala soċjetà. Għawdex, bl-isbaħ ambjent tiegħu u n-natura kalma li jdawruh, għandu l-potenzjal li jkun gżira ta’ fejqan u ta’ kura. Imma rridu nkunu realistiċi wkoll: l-iżolament ġeografiku, l-opportunitajiet limitati u l-pressjonijiet tal-ħajja moderna jistgħu jġibu magħhom ħafna sfidi mentali u emozzjonali.
Iddiskutejna l-importanza li f’Għawdex ikollna aktar servizzi aċċessibbli u professjonisti tas-saħħa mentali disponibbli. Hemm ukoll bżonn ta’ aktar edukazzjoni fil-komunità biex nifhmu kif nistgħu nappoġġjaw lil xulxin, kemm fil-familja kif ukoll fil-post tax-xogħol jew l-iskola.
Il-bini
Meta nitkellmu fuq il-bini f’Għawdex, irridu niftakru li din il-gżira għandha l-karatteristiċi tagħha stess, u għalhekk għandha bżonn liġijiet apposta għaliha. Mhux kollox li japplika għal Malta għandu japplika wkoll għal Għawdex, għax hawn għandna realtajiet differenti.
Jeħtieġ ikollna aktar liġijiet marbutin mal-bini biex nassiguraw li dak li jinbena jkun ta’ kwalità u li jżomm mal-identità tal-gżira. Flistess ħin irridu niddefinixxu ċar fejn jista’ jsir bini u fejn le. Ilkampanja għandha tibqa’ kampanja, post fejn in-nies igawdu nnatura u l-kwiet, mhux tinbena jew tinqered.
Għawdex jista’ jkollu żvilupp, imma għandu jkun żvilupp li jirrispetta l-gżira u n-natura tagħha.
Turiżmu
It-turiżmu għal Għawdex hu importanti ħafna. Iġib xogħol, jagħti opportunitajiet u jgħin lill-ekonomija tagħna.
Għawdex hu speċjali għaliex għandu l-kampanja sabiħa tiegħu, ilkultura u l-istil ta’ ħajja kwiet. Hawnhekk tidħol l-isfida: kif nistgħu noħolqu turiżmu li jirrispetta dawn il-valuri u fl-istess ħin jagħti benefiċċju lil kulħadd?
Aħna qbilna li l-għan għandu jkun li min iżur Għawdex jitlaq mhux biss b’ritratti, imma b’memorji sbieħ u sens ta’ awtentiċità.
X’laqatni
Il-workshop li għamilna ħallieli impressjoni sabiħa. Dak li laqatni laktar huwa kemm il-fehmiet u l-ideat differenti ta’ tfal u żgħażagħ jistgħu jgħinu biex nibnu soluzzjonijiet reali. Kull perspettiva kienet importanti, u dejjem hemm xi ħaġa ġdida li tista’ titgħallem minn ħaddieħor.
Il-viżjoni tiegħi għal Għawdex hi li narah bħala gżira li tieħu ħsieb kulħadd – fejn naħdmu flimkien biex noħolqu ambjent sostenibbli u responsabbli. Nixtieq li ż-żgħażagħ Għawdxin ikunu parti minn din il-bidla, jħossu li l-opinjoni tagħhom tiswa u li jistgħu jagħmlu impatt reali fuq il-futur tal-gżira tagħna.
Konkluzjoni
Fl-aħħar mill-aħħar, dak li jħallina nagħmlu differenza f’Għawdex mhuwiex biss proġetti jew pjanijiet – hu l-impenn tagħna bħala komunità. Dan biex Għawdex ikun post sostenibbli, inklussiv u uman – gżira fejn kulħadd jħossu sigur, appoġġjat u importanti. Flimkien nistgħu noħolqu futur promettenti għal Għawdex, għalina u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
– Giosiana, 13, waqt Viżjoni Għawdex 2050 fid-9 ta’ Settembru 2025

